L-Istorja tas-Siġġiewi Festival Brass Band & Social Club

It-Twaqqif ta' l-Għaqda

Is-Siġġiewi Festival Brass Band ġiet stabbilita` lejn tmiem l-1986 minn grupp ta' dilettanti tal-mużika fis-Siġġiewi bl-iskop li għall-ewwel darba f' malta jkun hawn banda li ddoqq strumenti tar-ram biss bħalma wieħed isib f'kull pajjiż ieħor fid-dinja.

B'hekk wieħed mil-iskopijiet ewlenin tas-Siġġiewi Festival Brass Band hi li l-varjeta` ta' mużika waqt il-festi u attivitajiet festivi f'pajjiżna tkompli tikber.  Infatti, illum saret parti integrali mill-ħajja tas-Siġġiewi fejn oriġinat.

Każin u plaċier

Wara li għaddew sentejn mit-twaqqif ta' l-għaqda, il-Kumitat ħaseb sabiex is-Siġġiewi Festival Brass Band ikollu planċier artistiku.  Hawnhek tajna l-inkarigu biex jagħmel id-disinn tiegħu lis-surmat ta' l-arti, is-Sur Ġużeppi Galea tar-Rabat, illum mejjet,  Hu ħa ħsieb jagħmel id-dissin tal-ħadid komplut, bid-dekorazzjoni tiegħu kollu.  Immedjatament wara li tlesta id-disinn inbeda x-xogħol u llum tlesta,  u ġie rħamat u indurat.  Kienet ħidma iebsa iżda  bid-determinazzjoni sħiħa u b'xogħol kollu volontarju f'dan il-proġet tant mixtieq mill-Poplu tas-Siġġiewi ġie mwettaq.

Il-kumitat ma waqafx hawn, għaliex ġiet l-opportunita` li nixtru każin fil-pjazza San NIkola li hu mżejjen b'arkitettura mill-isbaħ u f'post attraenti.  Il-membri tagħna kif ukoll is-Siġġiewin ferħu bis-sħiħ li San Nikla pprovda dan il-każin, fiċ-ċentru, ħdejn il-knisja.  Daħlu idejhom fil-but u ħarġu l-flus li kien hemm bżonn, u fi ftit snin dan il-każin nfeda kollu.

Maħżen u kolonna kbira b'ħames statwi
L-Għaqda ħasbet ukoll billi xtrat maħzen kbir għal bżonn ta' l-armar.  Il-maħżen qiegħed fit-triq Mons. Mikiel Azzopardi Siġġiewi.  U dan kollu propjeta` tal-każin bħal opri li nxtraw u inħadmu.  Bħal issa qegħda tinħadem kolonna kbira li fiha ħafna xogħol ta' l-injam, gwarniċi u skultura u din tikkonsisti f'ħames statwi li huma San NIkola  (Benefattur: Is- Sur Nicholas k/a "Kolinu" Micallef il-passiġġier.  Santu Wistin (Benefatturi: Is-Sinjura Nikolina nee Micallef, Is-Sur Joseph Aquilina "seba irġiel").  San Silvestru (Benefattur: Is-Sur Francis Cutajar "Il-Mastru").  San Anastasju (Benefatturi: Is-Sinjuri Eusebio u Nazzareno Buhagiar "ta' Emmanuel tas-Silla u ta' Rużann tal-Passiġġier").

Partiċipazzjoni tal-Banda

Is-surmast direttur tas-Siġġiewi Festival Brass Band huwa Dr. Mro Dion Buhagiar mgħejjun mill-assistent surmast Mro. Paul Busuttil li jieħu ħsieb l-alijievi ta' l-istess Banda.

Eżatt mit-twaqqif ta' l-għaqda s-Siġġiewi Festival Brass Band bdied tieħu sehem bis-sħiħ fil-Festa tal-Patrun Qaddis San Nikola ġewwa s-Siġġiewi.  Il-Festa ta' San Nkola, il-Qaddis Patrun tas-Siġġiewi taħbat fl-aħħar Ħadd ta' Ġunju.

Mhu hekk biss iżda, f'dan iż-żmien relattivament qasir, is-Siġġiewi Festival Brass Band diġa ġiet mistiedna diversi drabi biex idoqq f'okkażżjonijiet importanti fil-kalendarju Nazzjonali, il-Farson Beer Festival, Is-Summit Bush u Garbachev, il-Birgu Festival, u l-l-Valletta History & Elegance.

Aparti dawn, is-Siġġiewi Festival Brass Band organiżżat Programm fil-Phoenicia Ballrom għad-Dar tal-Providenza kif ukoll ħadet sehem f'okkażżjonijiet oħra kemm fil-lokal tas-Siġġiewi kif ukoll f'postijiet oħrajn.

Bandisti u Diretturi Barranin

Kull meta jkun possibli is-Siġġiewi Festival Brass Band tistieden bandisti barranin.  Per eżempju fil-1992 kellna il-parteċipazzjoni tal-membri tal-famuż Essex Brass Ensemble.  Ftit taż-żmien ilu kellna wkoll ix-xorti li jdoqqu kemm mal-Brass Band kif ukoll bħala Brass Quimtette, ħames Bandisti tar-ram li huma gradwati mill-famuża Royal Academy of Music ta' Londra.

Konklużżjoni

L-idejal li tħaddan is-Siġġiewi Festival Brass Band hu li kulħadd għandu l-opportunita` li juża t-talenti individwali tiegħu.  Għalhekk kullmin għandu l-inklinazzjoni mużikali huwa mistieden biex isir membru tas-Siġġiewi Festival Brass Band.